STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT
Jitħabbar proċess ta’ rationalisation ta’ l-iskemi ta’ l-iżvilupp
Press Release by Ministry of Rural Affairs and the Environment @ 16:00 11th. May 2006
Also view previous property blog posting by clicking here.
Il-Kabinett tal-Ministri qabel fuq proċess li jirrigwarda tibdil, jew aħjar rationalisation li hemm bżonn li jsir fil-konfini ta’ l-iżvilupp. Rationalisation huwa proċess li permezz tiegħu żoni li bħalissa mhumiex fil-konfini ta’ l-iżvilupp u li huma mdawra sew bl-iżvilupp, partikolarment meta l-art mhix tajba għall-biedja, jkunu kkunsidrati għall-iżvilupp.
Dettalji dwar dan il-proċess ngħataw mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet.
Il-Ministru Pullicino ta ħarsa kronoloġika lejn il-fatti minn meta l-Gvern kien niehda t-Temporary Provisions Schemes fl-1988 fi sforz biex iwaqqaf l-emoraġija ta’ l-art li kienet qed tittieħed mingħajr ebda kontroll. Il-Gvern fehem li dan il-proċess ta’ malajr seta’ jħalli xi riperkussjonijiet jew anomaliji u għalhekk saħaq fuq il-fatt li dawn kienu ta’ natura temporanja, bil-ħsieb li jkunu riveduti u wara jsiru permanenti.
Pullicino qal li bit-twaqqif ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar fl-1992 u bil-ħidma li bdiet issir fuq il-Pjanijiet Lokali, beda joħroġ ċar li ma kenitx qed issir rationalisation abbażi ta’ dak li kien ilu jingħad li fil-proċess kollu kellhom ikunu kkunisdrati l-pockets li rriżultaw mill-iskemi proviżorji.
Hu tenna li ll-Gvern jirrikonoxxi li hemm żoni biżżejjed fl-iskemi ta’ l-iżvilupp li huma suffiċjenti biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-pajjiż għas-snin li ġejjin iżda saħaq li apparti l-issue ta’ rationalisation, huwa importanti li wieħed għandu jifhem ukoll il-kuntest ta’ ġustizzja u kunsiderazzjonijiet soċjali oħrajn li l-Gvern għandu d-dmir li jikkunsidra u dan fl-aħjar interess tal-ġid komuni. Il-Ministru Pullicino qal li kunsiderazzjoni importanti oħra hi dik ta’ anomaliji li rriżultaw wara li kienu ppublikati l-iskemi temporanji ta’ l-1988, dawk li qed jissejjħu bħala pockets jew infill gaps.
Pullicino qal li din hi materja sensittiva ferm għaliex dak li hu pocket għal individwu jista’ jkun differenti għal individwu ieħor. Kien għalhekk pass għaqli li l-Kabinett joħloq riga konsistenti li tindirizza dawn il-kwistjonijiet u toħloq proċess aktar ekwu u ġust. Id-dokument maqbul mill-Kabinett għandu l-intenzjoni li jipprovdi l-kriterji jew din il-miżura ta’ qies li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar żoni ta’ żvilupp.
Hu tenna li l-kriterji jinkludu wkoll kunsiderazzjonijiet ambjentali biex l-impatt fuq l-ambjent ikun l-anqas possibli. Permezz ta’ dawn il-kriterji l-ebda sit b’valur ekoloġiku importanti jew sensittiv, jew l-ebda sit li jinsab fuq raba’ saqwi mhu se jidħol fil-konfini l-ġodda. Pullicino spjega li kien hemm differenza fil-kriterji li ġew stabbiliti bejn Malta u Għawdex li tirriżulta mill-mod kif dawn iż-żewġ realtajiet evolvew matul is-snin.
Hu fakkar li fil-każ t’Għawdex, li kieku kellhom ikunu aċċettati t-talbiet kollha li saru, ż-żona ta’ żvilupp tkun tlaħħaq area li hi kbira 15-il darba daqs Marsalforn.
Pullicino sostna li l-Kabinett qabel ukoll fuq xi eċċezzjonijiet oħrajn għal dawn il-kriterji bħall-kwistjoni ta’ multi-ownership fejn art li għalkemm ma kenitx fiż-żona ta’ l-iżvilupp xorta tqassmet fi plots u ġiet mibjugħa lil individwi. Hu saħaq li mhux it-talbiet kollha fejn l-art kienet tqassmet fi plots qabel l-1988 u wara tħalliet barra ż-żona ta’ żvilupp issa ġew aċċettati. Dan sar għax il-Gvern dehrlu li dawn huma siti sensittivi ambjentalment.
Pullicino tenna li skond kalkoli preliminari li saru, b’dak li ddeċieda l-Kabinett, hu kkalkulat li 10% biss mill-art li ntalbet biex tidħol għandha tiġi inkluża fiż-żona ta’ żvilupp bil-kriterji stabbiliti. Bit-tibdil maqbul mill-Kabinett, il-konfini ta’ l-iżvilupp f’Malta hu kkalkulat li se jiżdiedu bi 2.4% ta’ dak li llum diġa huwa fiż-żona ta’ żvilupp. Irid jingħad li effettivament l-art għall-bini lanqas mhi se tiżdied b’dan l-ammont. Dawn it-2.4% jinkludu wkoll toroq li jridu jsiru, art li diġa hi mibnija, art tal-Gvern kif ukoll xi art li hi maħsuba li tintuża biex fuqha jsiru spazji pubbliċi miftuħa.
Hu ħabbar li l-Kabinett qabel fuq numru ta’ deċiżjonijiet oħrajn, ewlenin fosthom huma li:
ü l-Kabinett jaqbel mal-prinċipju li kemm jista’ jkun kull żvilupp ġdid isir f’żoni fejn fihom diġa hemm żvilupp u dan biex jonqos it-teħid ta’ art addizzjonali;
ü l-Kabinett jaqbel li l-Gvern jintrabat li jikkometti ruħu għax-xogħlijiet meħtieġa u jiġu pproċessati l-permessi hekk kif jintlaħaq 80% ta’ l-ispejjeż dovuti għal dik iż-żona u li jkun hemm mekkaniżmu biex jingħelbu problemi li kien hemm fil-passat fosthom ta’ infrastruttura
ü għalhekk f’dawn is-siti s-sidien iridu jħallsu l-kontribuzzjoni kollha dovuta magħrufa bħala Infrastructure Service Charge;
ü l-Kabinett jaqbel fuq it-twaqqif ta’ Kummissjoni biex tisma’ ilmenti dwar ċertu każijiet li jistgħu jirriżultaw minn dawn il-konfini l-ġodda wara li l-Parlament japprova l-konfini l-ġodda.
Il-Ministru Pullicino qal li dan hu l-ewwel tibdil fil-konfini ta’ l-iżvilupp mill-1988 ‘il hawn. Dan it-tibdil għandu jorbot għall-10 snin li ġejjin. Hu qal li b’hekk dan se jkun l-uniku tibdil fil-konfini ta’ l-iżvilupp fi kważi 30 sena u kull argument jew diskussjoni għandhom isiru f’dan il-kuntest.
Hu qal li l-kriterji ġew ikkomunikati lill-MEPA u wara li jkunu diskussi mill-Bord, il-konfini l-ġodda proposti jkunu ppublikati l-ġimgħa d-dieħla għal konsultazzjoni pubblika ta’ sitt ġimgħat.
Il-Ministru George Pullicino temm billi appella biex din l-issue ma ssirx ballun politiku imma kulħadd jagħraf li dak li tħabbar illum huwa l-frott ta’ proċess diffiċli li jrid isib bilanċ ġust bejn kunsiderazzjonijiet soċjali u ħarsien ambjentali.

<< Home